Iż-żgħażagħ. Il-perfs, il-Beltos, il-hipsters, tal-1k, il-Ġenerazzjoni X, Y u Z. Dejjem għaddejjin iġeddu l-lingwa u jwessgħu l-vokabolarju. Dawn huma ħames kelmiet li l-adolexxenti qabduhom u nefħu fihom tifsir ġdid.

mazza

  

Fil-lingwaġġ komuni

Għodda, tip ta’ martell kbir u tqil li bih il-bennej ikisser il-ġebel, il-ħaddied jagħti d-daqqiet fuq l-inkwina, il-mastrudaxxa isammar fuq l-injam, u l-bqija
Il-mazza tal-mastrudaxxa aktarx ikollha r-ras tal-lastku ħalli jsammar fuq l-injam bla ma jimmakkjah

Fil-lingwaġġ taż-żgħażagħ

Xi ħadd gustuż, sabiħ, sexy, attraenti; persuna fiha ġisem li kull meta taraha, il-wires tħawwadhomlok
Għandek oħtok mazza ta’ veru!
Xi tgħidli, mazz? Kemm ili ma narak

E u jekk tkun qisek grottlu u ssir mazza, hemm verb: titmazzaz.
Ħusss, aruuuh it-tifel, jikber u jitmazzaz!

jifqa’

Fil-lingwaġġ komuni

Dan il-verb għandu ħafna tifsiriet:
(a) taqsam xi ħaġa f’salt, fqajtha l-bużżieqa;
(b) tisplodi, il-bombi faqgħuhom fir-razzett;
(ċ) iġġiegħel lil xi ħadd jidħak, jibki, jirrabja, domt nissapportih imbagħad faqagħni;
(d) tħoll sustanza f’likwidu ieħor, itterraħ, tiddilwi, l-inbid faqgħetu bl-ilma

Fil-lingwaġġ taż-żgħażagħ

U ż-żgħażagħ żiedu tifsira oħra, anzi tnejn:
(e) persuna jew ħaġa bomba, tal-ġenn, tal-moda, tajba ħafna, għandu karattru jifqa’ (bħalu ġieli jużaw jaqsam ukoll, rajt film jaqsam);
(f) tagħti spettaklu tajjeb ħafna, prosit tal-bieraħ, fqajtu kulm’ hemm


żibel

Fil-lingwaġġ komuni

Skart, ħmieġ, kulma jintrema
Il-karti titfagħhomx fil-landa taż-żibel
Xi ħadd kiesaħ, qżież, dardira
Hawn ħafna żibel mas-saqajn
Titħabat, tinfileġ, titħammeġ, tegħreq ħafna
Sirt żibel biex tlajt it-telgħa

Fil-lingwaġġ taż-żgħażagħ

Min xorob ħafna, siker, sar għoqda, ċappetta, daħna, patata, ċoff, stoppin, ċaflisa, mandra, maħta, pudina, ħ*ra mejjet
Is-Sibt ħriġna u sirna żibel

Jekk issir żibel, tkun għamilt żiblata. U jekk tagħmilha spiss u bil-goff, ikollok tuża n-nom żiblaġni.
Bilħaqq, sar żibel tħawwadhiex ma’ żżagħbel. Tixbahha fil-ħoss, iżda żżagħbel tfisser tiddeverti, titbaħrad, tixxala bla rażan, imqar jekk ma tiħux qatra.

ganċ

Fil-lingwaġġ komuni

Ħadida (injama, biċċa plastik, jew xi materjal ieħor) milwija minn tarf wieħed biex magħha ddendel, tqabbad, iżżomm jew tagħlaq xi ħaġa
Mal-katina kien hemm ganċ kbir tal-ħadid
Nużawha wkoll għall-ħjata li ssir b’labar milwijin minn fuq, bl-Ingliż crochet
Tatni par kalzetti magħmulin bil-ganċ

Fil-lingwaġġ taż-żgħażagħ

Min jibda jgħawweġ ħalqu bla kontroll għax ikun ħa l-ecstasy
Ilbieraħ il-party kulħadd ganċ kien

U minnu joħroġ il-verb tigganċja, li fil-lingwaġġ komuni jintuża wkoll, imma f’sens ieħor, eż. is-sajjied igganċja ċ-ċerna
Naħseb reġa’ bela’, arah x’jigganċja  

slajs

Fil-lingwaġġ komuni

Biċċa, felli, parti rqiqa minn ħobża, pizza, u ikel ieħor
Tini ħobża tas-slajs
Itfa’ l-patata mqattgħa slajsis ġol-borma

Fil-lingwaġġ taż-żgħażagħ

Speċi ta’ kumpliment (?!) li xi nies jgħajtuskużani, iħanxrulil ħaddieħor li jkun għaddej għall-affari tiegħu
Aw slajs, ajma x’nagħmillek jekk tiġi taħt idejja

 

bonus: ejja minn hemm

Fil-lingwaġġ komuni

Sejħa biex tersaq lejn min jgħidha
Ejja minn hemm għax b’rasek idur

Fil-lingwaġġ taż-żgħażagħ

Tgħidha meta tkun ħerqan għal xi ħaġa, ikollok seba’ mitt sena sa ma tasal
Għadni kif qtajt il-biljetti. Ejja minn hemm!