Fil-Malti għandna viżibilju kliem ġej mill-Ingliż. Imma fejn qatt tobsor li fl-Oxford English Dictionary hemm erba’ kelmiet ġejjin mill-Malti?

dghaisa

Ifissruha hekk: “A boat resembling a gondola, used in Malta”.
Jiktbuha dghaisa jew dghajsa jew dhiassa. L-għ ma teżistix. Naħfruhielhom. Imma dhiassa? Bis-serjetà?! Qishom jien meta nkun f’sakra ma narax art u nipprova nibgħat messaġġ fis-2 ta’ filgħodu.

Dghajsa Maltese water taxi at the Grand Harbour | Malta island, Malta, Valletta

karrozzin

“A horse-drawn cab used in Malta.” Fil-ħarġa tal-21 ta’ Jannar 1972 tad-Daily Telegraph and Courier hemm miktub hekk: “They’re horse-drawn ‘karrozzins’, and each one is so beautifully painted you get the feeling all the owners are in earnest competition. Hire one, and go for a ride through Malta’s tiny winding streets, at a good steady trot.” Karrozzins? Huwa minnu li l-Malti għandu l-plural sħiħ u l-plural miksur, però dawn kissruh ta’ veru l-plural.

Karozzin: Malta's horse drawn tourist transport

lampuki

“A large marine food fish, Coryphæna hippurus or C. equisetis”. Il-lampuki aħna nsajruhom b’elf mod differenti. Nixwuhom. Naqluhom biz-zalza tal-kappar. Nixħtuhom fl-aljotta. Fit-torti. Fil-pastizzi… U f’ħalq l-Ingliżi.  

Inqabdu 158 tunellata ta' lampuka; in-numru għad irid jiżdied - Newsbook

spitchered

Din il-kelma tal-ġenn! Taf int, il-Maltin ilsienhom ġieli ma jdurilhomx u jgħidulek sangwiċ (sandwich), xikapsover (shock absorber) jew tirrejpja r-rigali (imsieken). U l-Ingliżi xejn aqwa minna. Spitchered tfisser “rendered inoperative, ruined.” Ġejja mill-verb spiċċa! Issa moħħi spiċċut ta’ vera.

7,187 BEST Mind Blown IMAGES, STOCK PHOTOS & VECTORS | Adobe Stock

festa

Waqt il-pandemija ma baqgħux isiru kif nafuhom, imma kien fl-istess żmien li daħlu fid-dizzjunarju tal-Ingliż, bħala festa “a religious or other festival” u festa day “a feast day, a religious holiday”. U ma daħlux mill-Malti biss. Fuq in-nisel tagħhom jiktbu hekk: “Of multiple origins. Partly a borrowing from Italian. Partly a borrowing from Portuguese. Partly a borrowing from Catalan. Partly a borrowing from Maltese.” Iddeċiedi, sieħbi!

Malta's Five Most Enchanting Festas - Marina Hotel

bonus: pastizz

Din mhix fid-dizzjunarju tal-Ingliż. Imma wasal iż-żmien li jdaħħluha ta. Dejquna jsejħulu cheesecake. Għeżież sinjuri Brittaniċi, intom qatt rajtu cheesecake għamla ta’ rombu tal-għaġina mimli bil-piżelli, bl-irkotta jew bl-inċova u b’nofs litru żejt, li jista’ jirreferi wkoll għall-parti tal-mara u għal xi ħadd rieqed, ċapsu, mejjet ħaj?! Le hux. Mela daħħluha fid-dizzjunarju. U ibdew użawha!

E u bilħaqq, il-plural mhux pastizzs.

Pastizz | Traditional Savory Pastry From Malta

Verżjoni iqsar ta’ dan l-artiklu kienet dehret fis-sit Lovin Malta.