Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji kontra l-Omofobija, it-Transfobija u l-Bifobija, għażilt ħames kelmiet li jintużaw mill-komunità LGBT+. Dan il-kliem issibu fuq fomm kulħadd, imma fil-komunità LGBT+ jikseb tifsira differenti. Differenti ferm!

Nagħmluha ċara, dan il-kliem mhux maħsub biex joffendi. Anzi, qed niġbru hawn taħt biex niċċelebraw il-lingwaġġ ikkulurit, jew aħjar qawsalli, li nsibu fuq fomm persuni LGBT+ u sħabhom. Ħafna lingwi għandhom dizzjunarji jew ġabriet ta’ dan il-lingwaġġ, magħruf bħala LGBT slang jew LGBT speak. Wasal iż-żmien li jkollna ġabra bil-Malti wkoll, xi tgħid?

linfa

Is-soltu b’linfa nifhmu bħal għanqud ta’ lampi b’għadd ta’ brazzi fejn jitqiegħdu xemgħat jew bozoz tal-elettriku li jiddendel xi mkien fil-għoli biex iżejjen u biex idawwal kamra, sala, teatru, u l-bqija. Però, fil-komunità LGBT+ linfa tirreferi għal xi ħadd effemminat, li jħobb jidher ħafna. Aktar milli bħala terminu dispreġġjattiv, din il-kelma tintuża biex tiddeskrivi grupp ta’ nies skont id-dehra u l-ilbies tagħhom u kif iġibu ruħhom. Minbarra linfa, ġieli jintużaw reġina u prinċipessa

ors

Din, bħal linfa, tirreferi għal kategorija ta’ nies. Ors hu omosesswali jew bisesswali li jkun fih raġel u jkollu ħafna suf. Aktarx iħalli l-leħja jew id-daqna twila. Apparti l-orsijiet, jissemmew annimali oħra. Panda tirreferi għal ors ta’ nisel Asjatiku, polar bear għal ors imdaħħal fiż-żmien li s-suf tiegħu jkun abjad qotna, u otter għal ors li jkun irqiq, magħmul żgħir u ma fih xejn.

tittoppja

Le, mhux għall-mobile tintuża. Fil-lingwaġġ LGBT+ top hi waħda minn tliet pożizzjonijiet sesswali, l-aktar f’attività sesswali bejn żewġt irġiel. Top hu dak li jippenetra, bottom hu dak li jirċievi l-penetrazzjoni, u versatile dak li jkun lest jagħti u jirċievi. Minn top joħroġ il-verb tittoppja. U hemm verb minn bottom ukoll, tibbotimja.

tikkampja

Din m’hemmx għala tmur Kemmuna jew l-Għadira biex tagħmilha. U lanqas għandek bżonn kamp. Meta xi ħadd iġib ruħu b’mod effemminat, ikun qed jikkampja. U jekk tkun karatteristika tiegħu, allura jkun ikkampjat. Ma tintużax biss għan-nies. Jista’ jkollok, fejn naf jien, libsa kkampjata, jekk ikollha ħafna frilli u fixfixò. L-oppost ta’ tikkampja hu tibbuċċja, jiġifieri l-mod kif tilbes u ġġib ruħek ikun jixbah lil tal-irġiel.

puffetta

Bl-Ingliż Smurfette, bil-Franċiż Schtroumpfette, u bit-Taljan Puffetta. L-isem ta’ din il-kreatura blu b’xagħarha twil minn lewn id-deheb jintuża bħala sinonimu ta’ linfa jew prinċipessa. Aktarx intgħażel għax jixbah il-kelma dispreġġjattiva pufta.

Naf li din il-kelma ddejjaq lil ħafna nies, imma lingwistikament hi interessanti għal żewġ raġunijiet. Qabelxejn, hi ta’ nisel Ingliż, ġejja minn poofter. It-tarf -er fi kliem mill-Ingliż xi kultant isir -a fil-Malti. Ngħidu aħna, skuna ġejja minn schooner u bajla minn boiler. Hekk ukoll poofter saret pufta.

It-tieni raġuni hi li maż-żmien il-kelma bdiet tintuża bħala tgħajjira ġenerali għal xi ħadd qżież, kattiv, bla qalb. U minnha ħriġna l-kelma puftaġni, jiġifieri kattiverja, imġiba ħażina, ħdura, ksuħat. Dan l-eżempju minn Google: “Jaf dak kemm ħa jkisser ħajjet nies ħabba l-puftaġni tiegħu?” Hemm min juża puftiżmu. Pereżempju l-grupp Sempliċement tat-Triq għandhom kanzunetta rap li fiha jgħidu “fuq dil-gżira, il-puftiżmu sar jispikka”.

“Minkejja li ilna sekli sħaħ niktbu poeżiji dwar l-imħabba, inkantaw l-imħabba u ninnamraw mal-imħabba, għadek issib min jibża’ minnha l-imħabba jekk tkun bejn persuni tal-istess sess.” — Kelma Kelma

Taf xi kelma oħra mid-dinja LGBT+, oħt?