Meta taqbżilna ċ-ċinga naqbdu nitgħajru, kultant bi kliem li lanqas biss inkunu nafu xi jfisser.
Ejja naraw dawn il-ħamsa xi jfissru u minn fejn inqalgħu.
ġbara
“Ejja ċaqlaq, qisek ġbara”
Hekk ngħidu lil min ikun merħi u mitluq. Il-ġbara hi biċċa lbieba tal-ħobż imxarrba bil-ħalib jagħli li kienu jqegħduha fejn ikollhom l-uġigħ, eżempju fuq xi dieħes jew fuq żaqqhom meta taqbadhom il-bruda. Għalhekk meta xi ħadd ikun kalm u artab inxebbhuh ma’ ġbara.
pittma
“Jien f’dawn l-affarijiet veru pittma”
Tfisser fonqla, ksir il-għajn, fitt ħafna. U ġejja mit-Taljan pittima, wieħed li xogħlu kien li jiġbor id-dejn mingħand in-nies. Kien jiġri wara l-midjunin u ġieli jiksirhom quddiem kulħadd. Biż-żmien, min ikun fitt, dejjem jara ma’ xiex jaqbad, bdew isejħulu hekk.
skamplu
“Minn tant, lil dak l-iskamplu marret tiżżewweġ?!”
Skamplu hu dik il-biċċa drapp li tibqa’ minn pezza u li minnha ma tkunx tista’ toħroġ qatgħa sħiħa għal xi libsa. Għalhekk biha ngħajru lil min ma fihx ħobż, ma tieħu xejn minnu, insomma xi ħadd li jaqbillek tiskartah, bħalma tiskarta skamplu tad-drapp.
qanżħa
“L-imgħallem kemm hu qanżħa!”
Fi kliem ieħor bużbetku, ma jogħġbu xejn u moħħu biex isib ix-xagħra fl-għaġina. Il-qanżħa hi l-parti t’isfel tal-istonku ta’ xi tjur li fiha jisħqu l-ikel biex jiddiġeruh. X’kumpliment dak!
muqran
“Li ma kontx muqran, minn wara dahri mort tkellimha?”
Muqran tfisser bil-qrun, u tintuża l-aktar għall-annimali. Ngħidu aħna, jista’ jkollok mogħża muqrana. Imma tintuża wkoll għall-bnedmin, fis-sens ta’ kurnut, xi ħadd li n-namrat tiegħu jaqlibhielu, jittradih
“Ir-raħal kollu jaf li żewġha muqran; hu biss ma jafx”.
Apparti muqran u kurnut, jew kurnut kuntent, għall-istess tifsira nużaw ukoll barri, ċerva, għandu qrun (Alla jbierku), u l-famuża ma jgħaddix minn Bieb il-Belt (bil-qrun li għandu), li xi wħud aġġornawha għal imnalla waqqgħuh Bieb il-Belt!
bonus: ġbejna
Hemm ħafna tipi ta’ ġbejniet. Friski, nexfin, tal-bżar, moxxi. Imma meta tgħajjar lil xi ħadd ġbejna, tip wieħed hemm – u mhux tal-ħanini. Dak li jkun mgħaxxex, artab, rieqed, ċapsa, bla ħeġġa ta’ xejn. Fhimt, ħanini?