L-ittri tal-alfabett kultant isiru kliem jew idjomi. Hekk ġralhom dawn il-ħames konsonanti. 

ġabu esse

Bid-daqqa li tah ġabu esse
Jekk tgħaffeġ jew tgħattan xi ħaġa inkella tagħti xebgħa tajba lil xi ħadd tkun ġibtu esse. Hemm min isir esse biż-żmien, għax ikun tgħawweġ bħal ganċ bix-xjuħija, u hemm min jitwieled jitkellem bl-esse, u jtik shower kull darba li jipprova jgħid: il-pespus pespes tpespisa lill-pespusa, mat-tpespisa tal-pespus il-pespusa pespset lill-pespus.

tilef l-erre

Tilfet l-erre u qabdet tkisser u ssabbat
Jekk taqbiżlek iċ-ċinga u tniżżel ix-xirka tal-qaddisin fl-art bid-dagħa li tidgħi, tkun tlift l-erre. Bħal meta tkun mgħaġġel u quddiemek tinzerta lil xi ħadd isuq tlikki tlikki bil-lajma kollha qisu miexi fuq il-bajd.
Ċaqlaq ja ruffjan, għax inġibek esse!
Bilħaqq, u jekk tkun ruffjan jgħidulek iġbor l-erre!

ċe bit-tikka

Imma kemm inti ċe bit-tikka?!
Kretin, baħnan, idjota, balalu, ħmar, stupidu, defiċjenti, imbeċilli, babbu, fidil, ċuċ, ċuples, ċanonu, tuba, tronġa, trumbun, arjurant prima klassi, qargħa, basla, ġidra, kaboċċa… jew flok issemmi pitkalija sħiħa, uża ittra waħda!

ma jafx akka

Dħalt għal-lecture u ma fhimtx akka
Ikollok bżonn formola minn dipartiment tal-gvern. Tmur għand Kajfa jibagħtek għand Pilatu. Tmur għand Pilatu jibagħtek għand boxxla xjaten. Għax ħadd ma jaf kazz, jew ftit iktar bil-pulit ħadd ma jaf akka. #iċċassatibilberaq

 

taż-żeta

Ara min jgħid li dan mhux pajjiż taż-żeta!
Il-film tal-bieraħ kien veru taż-żeta.
Meta tkun xi ħaġa tal-qamel, ħażina għaġeb, jew ordinarja għall-aħħar, ngħidulha taż-żeta. U le, dik iż-żeta mhix ta’ Żorro. 

 

Biex tkun taf tikteb iċ-ċe u ż-że bit-tikka fuq il-mobile u l-kompjuter, idħol hawn.