Niktbu bil-Biro (pinna) u nħassru bit-Tipp-Ex (correction fluid). Inwaħħlu bil-Gloy, bil-Uhu jew bis-Super Glue (kolla). Difrejna bil-Cutex (nail polish) u xagħarna bil-Brylcreem (gel). It-toroq niksuhom bit-Tarmac (asfalt għal wiċċ it-triq) u l-bank tal-kċina niksuh bil-Formica (laminat dekorattiv). It-taħlita l-ewwel fil-Kenwood (food processor) u mbagħad fil-Griglioso (convection oven). Iż-żarbun nissikkawh bil-Velcro (hook-and-loop fastener) u nibblakkawh bin-Nugget (blakk taż-żraben). Nilagħbu bil-Frisbee (flying disc), bil-Plasticine (modelling clay) u bil-Hula Hoop (toy hoop). Fis-sajf nintelqu fuq il-Li-lo (saqqu tal-arja) u fix-xitwa fil-Jacuzzi (hot tub). U ħallih iħabbat #melażiggsurkappillan 

Flit

Il-Flit tipproduċi insettiċidi li tant kienu popolari hawn Malta li l-isem sar nom komuni: “Wirdiiiiena! Mur ġib il-flitt minn taħt it-taraġ”. Issa jkunx Baygon, Pif-Paf jew Shelltox, ma jimpurtax. Għax xorta flitt jibqa’. U minnu saħansitra ħriġna verb, tifflittja, li fil-kuntest lokali jfisser tiggassja kamra, anzi dar sħiħa, biex teqred minn wiċċ id-dinja nemusa daqs nofs sufa fit-toqba ta’ mnieħrek.    

 

Thermos

Din ma ġratx fil-Malti biss. Fl-Ingliż, fit-Taljan, fil-Franċiż u f’lingwi oħrajn, isem din id-ditta sar l-isem ġenerali ta’ kull tip ta’ vacuum flask. Però, aħna tajnieh plural Malti. Iktar minn wieħed proprjament. Id-dizzjunarji jniżżlu tliet plurali: termosijiet, termsijiet (bħal lapes > lapsijiet), u l-plural miksur triemes (bħal senter > snieter). Fuq tlieta joqgħod it-termos!

 

Hoover

Bosta Maltin il-vacuum cleaner, tkun ta’ liema ditta tkun, isejħulha hoover. U anki minn din ħriġna verb, tiħħuvja, “Il-qatla tiegħi niħħuvja t-twapet”. Xi wħud jgħidu tiħħuverja minflok. Għax aħna hekk, ladarba kelma tidħol fil-Malti, issir tagħna u ngħawġuha u ndawruha u nagħġnuha mal-grammatika kif irridu u kif jogħġobna.     

Oxo

Fost il-prodotti tal-ikel li toħroġ l-Oxo hemm id-dadi u l-ħwawar. Imma għal xi Maltin dan l-isem jirreferi għal kwalunkwe tip ta’ dadi: tal-ħaxix, taċ-ċanga, tat-tiġieġ, tal-ħut, semmi li trid. Fil-fatt stock cube bil-Malti ħafna jsejħulha dada, oħrajn jgħidulha ċangatura, “Mal-aljotta tfajt ċangatura tal-ħut”, u xi wħud isejħulha oksuwa, “Tinsiex titfa’ oksuwa fil-brodu”. Imma oksuwa mnejn ġiet? Bħalma minn lastku (il-kollettiv) noħorġu lastkuwa (in-nom tal-unità), minn Oxo, jew oksow, noħorġu oksuwa. Grammatikalment tagħmel sens, le le!    

Google

F’ħafna ilsna l-isem Google sar ifisser magna tat-tiftix fuq l-internet, tkun liema tkun. U spiss dawn il-lingwi jnisslu wkoll verb minnu, bit-tifsira ta’ tfittex xi tagħrif online: bl-Ingliż to google, bil-Ġermaniż googeln, bit-Taljan googlare, bil-Kroat guglati. Anki bil-Malti tista’ tiggugilja. U jekk trid tista’ tittwitja (Twitter), tiskajpja (Skype) u tinstagramma (Instagram). Jekk tiggugiljahom, kollha jitilgħulek.

Verżjoni ta’ dan l-artiklu kienet dehret fis-sit Lovin Malta.