X’jisimhom is-swaba’ tal-id?

 

Għandna isem għal kull wieħed mis-swaba’ tal-id.
L-ewwel wieħed, kemxejn boċċu u qasir, jissejjaħ is-seba’ l-oħxon jew is-seba’ l-kbir. Fl-antik kienu jsejħulu l-behem. Ta’ warajh ngħidulu l-werrej għax bih nippuntaw biex nuru xiex u fejn. Ta’ ħdejh nafuh bħala s-seba’ l-fustani jew is-seba’ tan-nofs. Dan hu l-aktar seba’ mqareb. Oqgħod attent/a kif toħorġu u x’tagħmel bih!

Ir-raba’ seba’ jissejjaħ taċ-ċurkett għax meta niżżewġu, iċ-ċurkett tat-tieġ fih nilbsuh. U fl-aħħar għandna l-iċken wieħed, is-seba’ ż-żgħir. Dari, dan is-seba’ kien magħruf ukoll ta’ sorm it-tiġieġa għax bih kienu jiċċekkjaw jekk it-tiġieġa kellhiex xi bajda.

Carmel G. Cauchi għandu poeżija dwar is-swaba’ tal-id.
Jisimha Ħbieb-Qaddejja:

Għandi għaxar ħbieb-qaddejja
biex jaqduni nsibhom ħdejja.

L-ewwel wieħed huwa l-Kbir,
dan ftit oħxon u qasir.

Ta’ maġenbu hu l-Werrej,
spiss jipponta u juri fej’.

Ta’ warajh huwa l-Fustani,
l-iktar twil, donnu s-setgħani.

Warajh jiġi Taċ-Ċurkett
u mbagħad dak li hu ż-Żgħir Nett.

Dawn il-ħamsa tal-lemin
għandhom ħuthom xellugin.

F’kollox kollox bħal xulxin,
ħames pari ta’ tewmin.

Ħames swaba’ fuq kull id
li jaqduni kif irrid.