Ta’ min soda u wieqfa, ta’ min imdendla u mpaħpħa. Ta’ min żgħira u tonda, ta’ min kbira u ppuppata. Ta’ min mgħottija, ta’ min mikxufa. Ta’ min imqaxxra, ta’ min biċ-ċellolite. Ta’ min dejjem imwaħħla mas-sufan, ta’ min tiżżegleg ma’ kull pass li jagħti. Ejja ngħidu kelma, anzi ħamsa, dwar il-patata.

trafanal

Din kelma antika li kienet tintuża xi ħaġa hekk:

Kif dejjaqtli t-trafanal!
Tridx tbusli t-trafanal?!

It-trafanal, f’xi djaletti t-tafanal, hu t-toqba tal-warrani. Ħasra m’għadniex nużawha kelma bħal din. Waqt xi ġlieda tiswa mitqilha deheb. Nibdew kampanja nazzjonali għall-użu mill-ġdid tat-trafanal?   

għajn

Meta ma nkunux irridu nsemmu l-kelma sorm, teħel magħna l-għajn. Aħseb waħda f’espressjoni bħal kixef għajnu ma’ kulħadd. Mhux għajnu jkun kixef. Hekk ukoll meta ngħidu:

Busli għajni
Stmah f’għajnu
Kif dejjaqtli t-toqba t’għajni
Għandu ħafna ħara ma’ għajnu
Kemm inti ksir il-għajn

Kif l-għajn, minn organu fil-wiċċ, saret ewfemiżmu għall-patata jibqa’ misteru insormontabbli.

tirma

Tiftixa ta’ malajr ta’ din il-kelma fuq l-internet ittellagħlek sentenzi tat-tip (ikkupjati kelma b’kelma):
Kulħadd irid imiss it-tirma
X’jaħseb li hu dan il-piżella proċessata mit-tirma?
Dan il-pajjiż meħjut mit-tirma
Kulħadd iparla mit-tirma
Tkun tista’ ddeffes żrinġijiet, friefet il-lejl, wiżgħat dritt fit-tirma

B’dawn l-eżempji kkuluriti naħseb kulħadd fehem xi tfisser. Għal min idum biex jieħu, it-tirma magħrufa wkoll bħala t-TTS. U jekk lanqas din ma fhimt, mela nistiednek tmur tieħdu ħawda fiha.

tina

Rajtha għaddejja b’tintha barra
Telagħlu musmar f’tintu

It-tina, barra li hi frotta, hi wkoll il-warrani kollu kemm hu, biż-żewġ tebqiet, bix-xaqq u t-toqba b’kollox. Jiddispjaċini jekk bħalissa qed tiekol tina jew jekk jismek Tina.

 

sorm

Insejħulu b’ħafna modi: il-patata, l-anus, it-tina, l-għajn, il-warrani. Imma qabilhom kollha kien hemm is-sorm, kelma li tintuża f’ħafna idjomi. Dawn xi ftit minnhom:

  • wiċċu u sormu xorta = tost, ma jistħi minn xejn
  • jitkellem minn sormu = li jgħid ma jagħmilx sens
  • tatu f’sormu = dejqitu, ittikatu, irritatu
  • xortih ma’ sormu = iffurtunat, xortih tajba
  • b’sormha = xurban, fis-sakra / bin-nervi, bil-geddum
  • mesaħ sormu bih = ittrattah ħażin, bla rispett ta’ xejn
  • għajnejk f’sormi = ngħiduha biex ma jisħtuniex
  • żewġt isrum f’qalziet wieħed = żewġt iħbieb dejjem flimkien
  • ħarab saqajh ma’ sormu = ħarab jiġri b’kemm kellu saħħa
  • xidja f’sorm ta’ patri = fitt, antipatku mill-kbar nett
  • irid kollox ma’ sormu = jistenna li dejjem jaqduh l-oħrajn bla ma jitħarrek
  • daħħal sebgħu f’sormu = bela’ kanna, kellu jitqanna’ b’xi ħaġa jew b’xi ħadd
  • mela għajnejk f’sormok? = min ma jarax xi ħaġa ċara, ovvja
  • li ma kellux sormu ’l isfel ma jafx jaħra = mhux kapaċi, bla ħila, ma jinqala’ għal xejn

Bonus: il-karus

Ix-xaqq tal-warrani li jixref ħelu ħelu minn fuq il-qalziet ta’ xi bennej, ħaddiem tal-gvern, jew xi ħadd oħxon ħafna. Joe dejjem bil-karus imperreċ ħalli jammirah kulħadd

Taf xi espressjoni oħra anali, sormali, sormuża, sormija?