Kurżità. Il-kelma annimal daħlet fil-Malti mill-Isqalli annimali li tnisslet mil-Latin animalis, minn anima, nifs, ruħ. L-annimali, mela, huma l-ħlejjaq li jieħdu n-nifs, li għandhom ruħ. Il-pjanti wkoll jieħdu n-nifs, billi jieħdu xi gassijiet mill-atmosfera u jerħu xi oħrajn. Imma dan il-proċess ma narawhx bħalma naraw kelb jew qattus jieħu n-nifs. B’hekk, annimal baqgħet tintuża għall-ħlejjaq li narawhom jieħdu n-nifs.

 

nagħma

Din hi l-kelma Maltija għall-ostrich, l-akbar tajra li ma ttirx. In-nagħma magħrufa li l-istonku tagħha jġerragħ anki ġebel u ċagħak żgħir. Fil-fatt, xi ħadd li jiekol x’jiekol xejn ma jagħmillu d-deni ngħidu li għandu stonku ta’ nagħma. Ngħidu wkoll għandu ġuħ ta’ nagħma għal min ikollu ġuħ kbir, u jiekol kemm jiekol donnu ma jixba’ qatt.
Bilħaqq, waħda nagħma, ħafna nagħam, bħal nagħġa u nagħaġ

bumerin

Ġejja mt-Taljan bue, gendus, u marino, tal-baħar, u tirreferi għas-seal, anzi l-monk seal tal-Mediterran, ħlejqa li qiegħda f’periklu ta’ estinzjoni. Tissejjaħ ukoll foka jew ħaruf il-baħar.
Ngħidu jorqod daqs bumerin għal min jorqod fit-tul u fil-fond ħafna, għax il-bumerin iħobb jintelaq u bla ma trid taħsbu li jkun rieqed il-ħin kollu.

 

dorbies

Dorbies jew durbies hi kelma antika għall-iljun, ir-re tal-annimali. L-espressjoni ras ta’ dorbies nużawha għal xi ħadd li jkollu xagħru goff u mqanfed. Bħal dorbies għandna kliem ieħor li għoddu ntesa għax ħadlu postu kliem mill-Isqalli jew mit-Taljan, fosthom dib li flokha nużaw lupu, u debb li ħaditilha postha ors.
U kif qed insemmu l-iljun, kont taf li kamaleonte fl-aħħar mill-aħħar ġejja mill-Grieg tal-qedem chamaileon
, magħmula minn chamai, tal-art jew nanu, u leon, iljun?

makakk

Nużawha għal min ikollu moħħu jilħaqlu, ġurdien xiħ, min ma tidħakx bih kif ġieb u laħaq. Il-kelma ġejja mit-Taljan macacco, tip ta’ xadina li tgħix f’diversi partijiet tad-dinja, bl-Ingliż macaque. Il-ħelwa hi li bit-Taljan macacco tintuża għal xi ħadd injorant. Imma bil-Malti tfisser bil-maqlub.

 

daqquqa

Għal min ikun burdata tajba ngħidu Illum bid-daqquqa. U għal min ma jkunx jista’ jieqaf jogħxa u jfaqqa’ d-daħk ngħidu Tatu d-daqquqa (jew id-duqqaqa). Imma ftit jafu li d-daqquqa hi tip ta’ tajra (bil-Malti magħrufa wkoll bħala sultan il-gamiem u daqquqa kaħla, bl-Ingliż common cuckoo) li jgħidu li l-għajta tagħha tixbah id-daħk tagħna l-bnedmin. 

 

Immarka lil xi ħadd li jħobb l-annimali jew qisu annimal