Ħarba. Passju. Noli. Pulizija u ħallelin. Kemm konna nilagħbu xorti. Imma l-logħob mhux kollu qbiż u ġiri. Għal xi logħob trid tpoġġi u tħaddem moħħok. Bħal fil-logħba tat-trija. Qatt lgħabtha?

Tintlagħab bejn tnejn. Biex tilgħabha trid tagħmel disinn kwadru fl-art jew fuq biċċa kartuna. Ġod-disinn tħożż erba’ rigi, bħall-bandiera tar-Renju Unit: linja wieqfa u oħra mimduda, għamla ta’ salib, u żewġ rigi djagonali mill-irkejjen. 

Imbagħad ikollok bżonn il-pedini. Tlieta għalik u tlieta għal min jilgħab kontrik. Il-pedini aktarx ikunu żrar. Imma tista’ tilgħabha b’xi boċċi, ful, ġellewż, buttuni… insomma li jiġi għal idejk. 

 

Il-pedini tqegħedhom quddiemek f’linja mimduda, tnejn fl-irkejjen u waħda f’tarf il-linja l-wieqfa tan-nofs. Taqtgħu t-tokk u tibda l-logħba. Tmexxu l-pedini, darba int u darba l-ieħor, u tippruvaw tagħmlu trija billi ġġibuhom tlieta fid-dritt fuq linja waħda. Mimduda, dritta, djagonali… kif tridu. Basta tmexxuhom f’punt fejn jiltaqgħu l-linji. 

Tidher faċli imma mhix, għax ta’ kontrik jipprova jagħlaqlek biex ma jħallikx tagħmel trija. U fl-istess waqt jittanta jagħmel trija hu. Hija logħba tal-ħsieb u l-istrateġija. Jirbaħha min jirnexxilu jagħlaq lil sieħbu waqt li jifforma linja bit-tliet pedini. X’nagħmlu? Nilagħbuha?