Għandna ħafna espressjonijiet bil-kelma qalb. Ħafna minnhom huma dwar il-karattru tan-nies. Ngħidu aħna, min ikollu qalbu żgħira jkun sensittiv, jitqanqal malajr. Min ikollu qalbu xierfa jkun kattiv, ma jħennx, ikun appuntu bla qalb. Bħal min iwebbes qalbu u ma jkunx irid iħenn. Jekk tkun ġeneruż, dejjem lest tgħin, ikollok qalbek f’idejk, ikollok qalb tad-deheb. U jekk tkun kuraġġuż, ikollok qalb ta’ sur. Min ikun jiddispjaċih malajr ikollu qalb daqs ġunġliena. Min ikun kattiv, ikollu qalb taż-żonqor jew qalbu ħadra. U min ikun ġentili u ħanin ikun qalbu tajba jew ikollu qalb taz-zokkor.

Iżda mhux l-idjomi kollha tal-qalb huma dwar il-karattru. Il-qalb, kif nafu, hi marbuta mal-emozzjoni u sintendi xi espressjonijiet jitkellmu dwar dak li nħossu. Ngħidu aħna, min ikun imdejjaq jew imnikket ikollu qalbu tqila jew qalbu sewda. Min ikun ħerqan ikollu qalbu tħabbat sitta sitta. Min ikun beżgħan u inkwetat ikollu qalbu ttaqtaq. U min jiddispjaċih, iħoss qalbu tingħafas u jagħmel f’qalbu.

Meta tiftaħ qalbek ma’ xi ħadd, tistqarr dak li tkun qed tħoss. Meta xi oġġett ikun għal qalbek, torbot qalbek miegħu. U meta tqanqlek xi ħaġa, tmisslek qalbek. Jekk jinkuk u jdumu ġejjin biha, itertqulek qalbek. Jekk tibqa’ tiftakar xi azzjoni ħażina li għamlulek, tkun żammejt f’qalbek. Min jieħu qatgħa jew jisma’ xi ħaġa li ma xtaqtx jisma’, qalbu tagħmel tikk. Min iħoss minn qabel xi jkun se jiġri, qalbu tkun ħebritu. Jekk tieħu gost tagħmel xi ħaġa, tkun għal qalbek u tagħmilha bil-qalb. Imma jekk tagħmilha kontra r-rieda tiegħek, tagħmilha fuq qalbek, tagħmilha bla qalb.

 

Il-qalb hi marbuta wkoll mal-kuraġġ u t-tama. Ngħidu aħna, jekk tqawwi qalbek, trabbi l-kuraġġ. Jekk tkun qalbek qawwija, ikollok it-tama li xi ħaġa se ssir. Jekk qalbek iġġib, tkun stonkuż. U jekk xi darba tkun se żżarma u taqta’ qalbek, minn qalbi ngħidlek, agħmel il-qalb. Għax kull qalb trid oħra.