F’għaxar snin jinbidlu ħafna xorti. Fosthom il-lingwa. Fid-deċennju li għadda, l-internet bidel il-mod kif nitħaddtu ta’ taħt fuq. Dawn huma għaxar kelmiet li spikkaw fit-tieni deċennju tas-seklu. Mhux kollha faqqsu matulu. Xi ftit issawru qabel, iżda kien f’xi waqt bejn l-2010 u l-2019 li sabu ruħhom fuq fomm kulħadd.
1. mazza
Qabel l-2010 ma kinitx għajr martell kbir li jużaw il-ħaddieda, il-mastrudaxxi u l-bennejja. Il-Bambin biss jaf kif minn biċċa għodda saret aġġettiv għal xi ħadd gustuż, sexy, attraenti. Insomma, xi ħadd li l-wires iġibhomlok għoqda.
2. tal-blieh
Kull ġenerazzjoni jkollha kelma għal xi ħaġa eċċezzjonali, ta’ barra minn hawn. Is-seklu l-ieħor kellna faqgħa, tal-lajf, tal-ġenn, bomba, bis-sens. U dan l-aħħar kellna l-famuża tal-blieh. Espressjoni kurjuża għax, għalkemm ta’ nisel Għarbi, mhi mniżżla fl-ebda dizzjunarju. Ħolqien taż-żgħażagħ, li fl-aħħar deċennju aktarx kienu jagħmlu mal-kategorija tal-hipsters, il-perfs jew tal-1k. Isma’ minni, tippruvax tifhem.
3. stessu
“Meta tħares fil-mera u tant tħossok mazza li ma jkollokx għażla oħra ħlief li taqbad il-mobile, tiġbed ritratt tiegħek stess, jekk jista’ jkun b’xufftejk ippuppati jew bi lsienek barra, u taqsam dak il-ġmiel ma’ sħabek kollha ta’ facebook, twitter u instagram”. F’Diċembru 2013 fuq Kelma Kelma tela’ ritratt b’din id-definizzjoni, u minn hemm bdiet stessu.
Imma l-mezzi soċjali tawna ħaaafna aktar kliem, speċjalment verbi li mhux kulħadd jiggustahom, bħal tippowstja (post), tixxerja (share), titteggja (tag) u tiffrejpja (frape, minn facebook u rape). Kien hemm żmien meta allaħares kont tħalli l-laptop waħdu, għax kif terġa’ tiġi, il-profil ta’ facebook kont issibu mandra. Ikunu ffrejpjawhulek.
4. meme
Dan kien id-deċennju tal-memes, stampi, filmati jew GIFs tad-daħk li jikkupjawhom bosta nies, b’xi bidliet żgħar, u f’kemm ili ngħidlek iduru mal-erbat irjieħ tal-internet. Mal-memes ħafna drabi jkun hemm xi hashtag – kelma oħra li tawna s-snin 10 – jiġifieri kelma jew frażi bis-simbolu kaxxa (#) fuq quddiem. Tintuża fuq twitter biex torbot il-messaġġi ma’ tema partikolari u fuq instagram biex tqażżeż ‘l Alla li ħalqek.
#tafli #qallajt #lil #kulħadd #biżżoċċ #ta’ #hashtags #blasens #tiegħek #instadaily #like4like
5. piżellu
Biex ngħajru lil xi ħadd injorant spiss ninqdew bil-frott u l-ħxejjex:
Ja basla!
X’inti tronġa!
Ara veru qargħa!
Kemm hu ġidra!
Moħħ ta’ karawetta!
Lejn nofs id-deċennju, bis-saħħa ta’ Emmy Bezzina, żdiedu l-piżelli. Biex ma nsemmux il-basal immarinat fil-ħmieġ tal-ġrieden! U kif qed insemmu l-ħaxix, ma nistgħux inħallu barra l-kelma li jmiss.
6. karrotti
Kienu għaxar snin ikkaratterizzati minn taqlib politiku li miegħu ġab skoss kliem bħal moviment, tagħna lkoll, l-aqwa żmien, tkaxkira, protesta, riżenja, fake news, box files, arloġġ (tal-lira u tad-deheb abjad), elezzjoni bikrija, u xebgħa kliem bil-k: kummissarju, kont sigriet, karozza bomba, keith, kasco, konrad, il-kink, kastilja, korruzzjoni u korrotti. Anzi, skont filmat li armajn sar meme, karrotti.
7. salott
Dil-kelma ilha magħna. Imma kien fid-deċennju li għadda li saret tfisser paġna li fiha tidħol tiżvoga għax il-ġar ipparkja quddiemek, għax ilek kwarta maqbud fit-traffiku, għax reġa’ nqata’ d-dawl, għax sibt xagħra fil-pumpkin soup #nameandshame, għax il-kelb għatas darbtejn, jew sempliċement għax m’għandekx ħila tidħol fis-sit tal-Lidl biex tara llum jiftaħx!
8. bro
Fit-Tmeninijiet l-irġiel kienu jilqgħu lil xulxin b’aw ras.
Fid-Disgħinijiet saret aw man.
Fiż-Żerijiet saret aw kink.
U fl-Għaxriet? Ovvja. Aw bro.
Saret aktar popolari mal-filmat tal-imlieha bro.
Kif qed insemmu t-tislim tad-deċennju, ikun sakrileġġ jekk inħallu barra aw oħt u aw lilly!
9. influencer
Bil-Malti influwenzatur jew influwenzatriċi. Imma ġeneralment jgħiduha bl-Ingliż, biex il-fatt li jqattgħu l-ġurnata jippożaw mat-toast bl-avocado u l-ismoothie bl-ispirulina jinħass ferm aktar importanti u influwenti. U la semmejna l-avocado…
10. quinoa
Dawn kienu l-għaxar snin tal-ikel hipster u l-hekk imsejħa superfoods. Tal-kale, il-goji berries, il-matcha, iċ-chia pudding, il-green tea, il-flax seeds, il-wheat grass, l-isprouts u l-quinoa, li ħadd għadu ma jaf kif jaqbad ilissinha: kinwa jew kinoa? Kollox sar organiku, jekk jista’ jkun bla glutina u vegan. X’tieħu mal-fair trade coffee, almond jew coconut milk? Is-snin li ġejjin għad idewquna ħafna xorti. Tgħid il-Malti nużawh biex nitkellmu fuq dan l-ikel “ġdid” jew m’għadux l-ilsien tal-kċina?