Għandna qawl għal kull xahar. Ħafna minnhom dwar it-temp li nistennew dak iż-żmien. Oħrajn dwar xi drawwa assoċjata miegħu. Ejja nduru s-sena xahar xahar u nsemmu xi qwiel marbutin magħhom.

Jannar nassoċjawh mal-bard u l-ksieħ. Fil-fatt ngħidu: Il-bard ta’ Jannar iqaxxar ġild il-ħmar. Għax il-kesħa tkun qalila wisq f’dan ix-xahar. Ngħidu wkoll: Xemx li ma ssaħħanx aħjar il-bard ta’ Jannar minnha. Frar norbtuh max-xita. Frar fawwar jimla l-bjar. Tant ikollna xita u maltemp f’dan ix-xahar li għandna qawl jgħid hekk: Frar jiġbor lil kulħadd id-dar. U veru.
Jannar u Frar huma xahrejn ta’ maltemp kbir u għandna xi qwiel dwarhom it-tnejn flimkien. Wieħed jgħid hekk: Jannar kiefer imma Frar għandu d-dwiefer. U l-ieħor jgħid: Jannar u Frar ma jħallux qattusa d-dar għax, kif nafu, il-qtates iqattgħu l-ewwel xhur tas-sena jiġġerrew u jinnamraw.

L-aktar qawl magħruf dwar Marzu aktarx hu: Marzu Marzellu, in-nanna taħraq il-moxt u r-rixtellu. Hemm fehmiet differenti dwar dan il-qawl. Bosta jgħidu li ġej mill-fatt li f’Marzu tant tkun kesħa qawwija li n-nanna sa tasal taħraq l-għodda tal-insiġ, il-moxt u r-rixtellu. Marzu assoċjat ukoll mal-allerġiji għax ikollna ħafna trab tal-fjuri fl-ajra. Għalhekk ngħidu: F’Marzu l-flissjonijiet komuni bħax-xebbiet. Ngħidu anki: F’Marzu aqla’ mnieħrek u qartsu. Il-verb qartsu ġej minn tqartas, jiġifieri tgeżwer. Għax, toqgħod tgħid, f’dan ix-xahar jew minħabba l-bard jew minħabba l-ħakk li jaqbek fi mnieħrek, ġieli jkollok aptit taqilgħu minn postu!    

April ix-xahar tal-boloh. Għax jibda bil-ġifa tal-ewwel ta’ April. Ngħidu wkoll: F’April id-dubbiena tagħmel żinn u s-sħaba tmur lil hinn. Tkun bdiet ir-rebbiegħa, ix-xita tbatti u jibdew ġejjin l-insetti. Hemm qawl ieħor sabiħ: April jagħmel il-fjuri u Mejju jieħu l-unuri. Xi kultant fil-ħajja jiġri li xi ħadd jieħu l-prosit ta’ xi biċċa xogħol li jkun beda jew għamel ħaddieħor. U la semmejna x-xahar ta’ Mejju, ma nistgħux ma nsemmux il-qawl: F’Mejju aħsad imqar kien plejju. Mejju x-xahar tal-ħsad u l-qawl itina parir naħsdu kollox, anki l-plejju, pjanta komuni f’dak iż-żmien (Mentha pulegium, bl-Ingliż pennyroyal).

F’Ġunju tibda s-sħana u fil-fatt ngħidu: Ġunju Ġunjett ineħħi l-qmis u d-dublett. Għandna qawl ieħor dwar is-sħana ta’ dan ix-xahar: Ġunju għall-għomma manju, fis-sodda jagħtina banju. Tant ikollna għomma, sħana kbira, li fis-sodda nsiru għarqana xraba. Ġunju marbut mal-ħsad u d-dris. U man-nemus. Għalhekk ngħidu: Ġunju xahar tad-dris u fis-sodda tħoss il-qris. Hu wkoll xahar tajjeb għall-bidwi u għas-sajjied, tant li ngħidu: F’Ġunju l-bdiewa għarqana u l-uċuħ daħkana. Ngħidu wkoll: F’Ġunju s-suq mimli ħut u s-sajjied bil-flus fil-but.

Dwar li jmiss ngħidu hekk: Lulju x-xahar tal-għomma, għax tkun sħana kbira. Ngħidu wkoll Lulju l-ħajjatin jibdew jaqilgħu xi karlin. Kif nafu, il-karlin hu munita ta’ dari. B’dan il-qawl nifhmu li f’Lulju l-ħajjata jiżdidilhom ix-xogħol għax il-ġurnata titwal u jkollna ħafna okkażjonijiet soċjali.
Awwissu nassoċjawh mas-sħana u mal-frott tas-sajf, l-aktar l-għeneb. Ngħidu: Awwissu x-xemx taħarqu u x-xita tmissu. Minkejja li t-temp ikun sħun ħafna, f’dan ix-xahar ġieli jkollna l-ewwel ħalba xita. Ngħidu wkoll: F’Awwissu l-għeneb iħallik tmissu.

Free Person Holding Red Round Grapes Stock Photo

Dwar Settembru ngħidu: F’Settembru għas-salarju jmur kull membru. Għax f’dan ix-xahar kienu jitħallsu ħafna nies, fosthom il-qbiela u l-għassara tal-għeneb. Għandna wkoll il-qawl: Settembru Settembrina jibdlilna s-sala mal-kantina. Skont Ġorġ Mifsud Chircop, f’Settembru tant ikun riħ isfel li n-nies fl-antik kienu jippreferu jinżlu għall-frisk tal-kantina.
Meta jasal Ottubru ngħidu: Ottubru jidħol u joħroġ fit-tubru. It-tubru hu xorta ta’ tebut li kien jintuża fil-quddiesa tal-mejtin. B’hekk, il-qawl aktarx jirreferi għad-dlam li jkollna f’Ottubru meta l-ġurnata tiqsar u jibda jidlam kmieni ħafna.

Novembru x-xahar tal-mejtin u tas-sajf ta’ San Martin. Il-bdiewa kienu jgħidu: Is-sajf ta’ San Martin il-biedja tifraħ bih. U bir-raġun! Skont qawl ieħor, F’Novembru jaqtgħu, ikissru u jżenblu. Il-verb żenbel ifisser tqiegħed il-frott u l-ħaxix f’tip ta’ qoffa kbira. Il-qawl aktarx jirreferi għall-proċess tal-ġbir taż-żebbuġ li jibda proprju f’dan ix-xahar.
U fl-aħħar nett jiġi Diċembru, ix-xahar tal-Milied. Ngħidu: Sal-Milied la bard u lanqas ksieħ. Għax f’Diċembru t-temp ikun għadu ma kesaħx. U fl-aħħar xahar tas-sena, bla ma rridu, nibdew naħsbu fuq is-sena ta’ wara. Il-qawl iwissina: Meta l-Milied taħt il-bejt, il-Għid fuq il-bejt. Jekk fil-Milied tagħmel ix-xita, fi żmien l-Għid il-Kbir ikun temp sabiħ. 

Dawk kienu l-qwiel ta’ sena sħiħa. Toqgħod tgħid, xi ġmiel ta’ kalendarju tal-qwiel fasslu missirijietna. Issa tinsiex, kliem ix-xiħ żomm fih!