Ir-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa darba f’sena jiġu. Imma minn kliemna, donnu li l-Ġimgħa Mqaddsa tibqa’ magħna s-sena kollha. Tgħaddi minn żmien diffiċli, xi tgħid? Għaddejt minn kalvarju. L-ajru jkun imsaħħab u mudlam, bla ma trid, xi tgħid? Illum temp tal-Ġimgħa l-Kbira. Anki jekk ma tkunx. Tmur għand dipartiment tal-Gvern. Wieħed jibagħtek għand l-ieħor. L-ieħor jibagħtek għand ta’ qablu. Ta’ qablu għand ta’ warajh. Taqbiżlek. Lit-tali li jiġi quddiem wiċċek, xi tgħidlu? Toqgħodx tibgħatni mingħand Qajfa għal għand Pilatu, sieħbi.
Pilatu jissemma ta’ sikwit… mhux biss meta nitkellmu dwar il-banek. Meta tfarfar minn fuq spallejk, tkun ħsilt idejk bħal Pilatu. U jekk ideffsuk f’xi biċċa bla ma tkun taħti, tkun dħalt fil-Kredu bħal Pilatu. Minbarra Pilatu, hemm aktar persunaġġi li nżeffnuhom fin-nofs. Jekk tkun supperv, jgħidulek Erodi. Jekk tħalli d-daqna, issir Barabba. Jekk terfa’ salib ħaddieħor, tkun iċ-Ċirinew. Jekk tmeri, isejħulek San Tumas. U jekk xi ħadd iqarraq bik jew jittradik, x’taqbad tgħajru? Mhux Ġuda!
Anki l-vari u l-figolli jeħlu ma’ rasna. Xi ħadd goff u jimxi bil-lajma, ngħidulu l-vara l-kbira. U jekk jintefa’ bilqiegħda jdejh fuq żaqqu, ngħidu donnu figolla tal-Għid. Għal wieħed imdejjaq, qalbu sewda, ngħidu għandu wiċċ id-Duluri. U biex nesaġeraw, meta xi ħaġa tkun tajba, kbira jew qawwija ferm, ngħidulha tad-Duluri. Min jaqa’ xi waqgħa jew jaqla’ xebgħa tajba, jiġi qisu l-aċċjomu. U min jispiċċa bla flus, ikun imsallab daqs Kristu.
Ikun liema żmien ikun, kliemna bla ma rridu jaqa’ fuq il-Ġimgħa Mqaddsa. Forsi għax fid-dinja kulħadd għandu xi salib x’jerfa’… U mela mhux aħjar tilħaq salibek, xi tgħid?