Mat-trabi u mat-tfal ċkejknin nitħaddtu mod ieħor:
Abbni l-kukklu kukklu tan-nannina.
Ejja mmorru Bambin. Tih kiss lil Jesus.
Eqq, dak tmissux, dak puff.
Din li ġejja hi lista ta’ kliem li l-kbar jużaw maż-żgħar. Jużaw… il-kelma ġġib hekk. Ħafna minnhom m’għadhomx jingħadu daqstant. Imma oħrajn ngħiduhom spiss, bħal din il-kelma…
mimmi
Fejn għandek mimmi, sabiħ?
Ħafna mill-kliem tat-trabi jkun sempliċi, b’ripetizzjoni ta’ ħoss jew sillaba, bħal mimmi, ħalli tkun faċli għat-trabi biex ilissnuh sakemm jitilqu lsienhom.
Bilħaqq, mimmi tfisser ukoll il-ħabba tal-għajn. Nużawha fl-idjoma jħobbha daqs il-mimmi t’għajnejh.
| Kelma | Tifsira | Eżempju |
|---|---|---|
| mimmi | uġigħ | Mikkin, għamel mimmi |
| bubba, bobba | libsa tal-bniet | Kemm għandek bubba sabiħa |
| qeqqè | daqqa | Tani qeqqè fuq idi |
| ninni | orqod | Immorru nninnu? |
| mamma | omm | Irid imur il-mamma |
| tata | papà | Ġej it-tata ġej |
| żiżi | karezzi | Ejja nagħmlilha żiżi |
| titi | gażaża | Mela bit-titi tninni int? |
| wiwi | pipì | Għamilt wiwi? |
| nunu | raġel | Xejjirlu lin-nunu |
| tatà | ċaw | Agħmlilhom tatà, isa |
| xoxxi | omħot | Xoxxi n-nażu |
| bambu | żarbun | Mur ħa jlibbsek il-bambu |
| ginda | tigdem | Ara jgindik it-tetu |
| barbar | barra, passiġġata | Imxi barbar |
| ċiċċi beqqi | bilqiegħda | Ċiċċi beqqi fuqi |
pappa
Din nużawha sew bħala verb, Ejja ħa tpappi, u sew bħala nom, Ħadtha l-pappa?
Anki fil-qwiel insibuha. L-ewwel il-pappa u mbagħad l-umpappa, jiġifieri l-ewwel aħseb għall-pappa, għall-ħobża ta’ kuljum, u wara għax-xalar u d-divertiment. Ngħidu wkoll Dak ipappiha, jiġifieri jaqlagħha bla inkwiet ta’ xejn.
M’għandniex xi ngħidu, ħafna mill-kliem tat-trabi jkun dwar l-ikel u x-xorb. Kul ħa tikber!
| Kelma | Tifsira | Eżempju |
|---|---|---|
| pappa | ikel, ħobż | Spiċċa l-pappa |
| pappi | kul | Ejja ħa tpappi |
| kukka | bajda | Tridha l-kukka? |
| zizzu | pastizz | Trid zizzu tal-irkotta? |
| zizu | laħam | Isa, kulu kollu z-zizu |
| ġuġu | ġobon | Kulu l-ġuġu ħa tikber |
| nejna | ikel, minestra | Ħadtha n-nejna? |
| ċejċa | ħelu | Ejja ħa ntiha ċ-ċejċa |
| bumbu | bottle tal-ħalib | Ma tridux il-bumbu |
| bimba, buwa | xorob | Ejja ħa ntik tbumbu |
| ġinġa | larinġa | Tħobbha l-ġinġa? |
ċuffa
Xi wħud huma onomatopejċi. Jimitaw il-ħoss ta’ dak li jfissru, bħal ċuffa, jiġifieri tgħum, tinħasel, iċċafaċaf. U dawn bħalhom.
| Kelma | Tifsira | Eżempju |
|---|---|---|
| ċuffa | tgħum, tixxarrab | Ejja nagħmlu ċuffa |
| bupp | ħoss meta taqa' | Ara tagħmel bupp |
| paqqa | karozza | Immorru dawra bil-paqqa? |
| zinn zinn | banda | Ara ġejja z-zinn zinn |
| bumma | ħabta | Miskina, għamlet bumma |
| tuttu | żiemel | Ara ġej it-tuttu |
| beqqa | mogħża | Kif tagħmel il-beqqa? |
zizi
Semmejna t-tuttu, iż-żiemel, u l-beqqa, il-mogħża. L-annimali nsibuhom spiss fil-lingwaġġ tat-trabi. Kollha tafhom dawn l-ismijiet tal-annimali?
| Kelma | Tifsira | Eżempju |
|---|---|---|
| zizi | tiġieġ | Itma' z-zizi |
| tetu | kelb | Agħmillu ż-żiżi t-tetu |
| muċċu | fenek | Ħallih bi kwietu l-muċċu |
| pejxu | qattus | X'jismu l-pejxu ħi? |
| pizu, pipi, pipu | għasfur | Isma' x'jgħanni l-pizu |
| tutu | ħut | Ara t-tutu fl-akkwarju |
| beqqa, neqqa | mogħża | Missha l-beqqa, missha! |
| tuttu | żiemel | Trid tirkeb it-tuttu? |
| bejżu | gendus, baqra | Ejja 'l hawn bejżu |
| qajżu, nejżu | ħanżir | X'qed jiekol il-qajżu? |
| żiżu | qażquż | X'inhu ħelu ż-żiżu |
| xekkuka | nagħġa | Qed tninni x-xekkuka |
| neddu | annimal domestiku | Għandek neddu, eh? |
patatina
Miskin, għandu l-patatina ħamra.
Mat-trabi kemm-il darba nużaw id-diminuttiv, l-aktar għal xi partijiet tal-ġisem. Imma hemm xi verbi wkoll.
| Kelma | Tifsira | Eżempju |
|---|---|---|
| patatina | patata | Nigdimlu l-patatina |
| koxxina | koxxa | Ajma dik il-koxxina |
| wejda | id | Ara jaħraq il-wejda |
| swejqa, sequqa | sieq | Għolli s-swejqa, sabiħa |
| rwajsa | ras | Għatti dik l-irwajsa |
| żaqquqa | żaqq | Bewsa fuq iż-żaqquqa |
| sinnuna | sinna | Tielgħa s-sinnuna |
| bejka | jibki u jeqred | Se ddum tbejki? |
| mejxa | jimxi bilkemm | Il-vavu beda jmejxi |
Taf xi kelma oħra li nużaw maċ-ċkejknin?