Qawl
Qattusa għaġġelija frieħ għomja tagħmel
Varjanti
Il-qattusa għaġġelija tagħmel frieħ għomja
Il-qattusa għaġġelija tagħmel uliedha għomja
Tifsir
L-għaġla żejda m’għandekx xi tridha
Min jgħaġġel u jferfex jagħmel ħafna żbalji
Meta x-xogħol isir bl-għaġla, għid li jkun magħmul ta’ kafkaf
Kurżità
Verżjonijiet simili ta’ dan il-qawl insibuhom fit-Taljan (La gatta frettolosa fece i gattini ciechi), fl-Isqalli (La gatta priscialora (jew fricalora) fa li gattareddi (jew li figghi) orvi), fin-Naplitan (La gatta pe ghire de pressa facette li figlie cecate), u fi djaletti oħrajn tal-Italja.
F’xi verżjonijiet minflok qattusa tissemma kelba għaġġelija, bħal fl-Ingliż (The hasty bitch bringeth forth blind whelps), fil-Ġermaniż (Eilte die Hünden nicht, so würfe sie nicht blinde Junge), u fit-Taljan ukoll (La cagna frettolosa fa i catellin ciechi jew fa fighli cechi).
Qwiel oħrajn fuq l-għaġla żejda
Min jgħaġġel jitfixkel
L-għaġla qatt ma swiet flus
L-għaġla tax-xitan
Min jgħaġġel jibdielu
Tgħaġġilx u ma tindimx
Min jiġri wisq jaqta’ nifsu