Kliem, frażijiet jew sentenzi li meta taqrahom minn wara u minn quddiem jibqgħu xorta jissejħu palindromi. Il-kelma kien ħoloqha l-awtur Ingliż Ben Jonson fis-seklu 17 mill-għeruq Griegi palin ‘mill-ġdid’ u dromos ‘direzzjoni’.

Fost il-palindromi bl-Ingliż nistgħu nsemmu l-kliem dad, level, kayak u race-car, u s-sentenzi “Madam, I’m Adam”, “A man, a plan, a canal, Panama!”,  “Never odd or even”, u l-famuża “Able was I ere I saw Elba”, li taparsi kien qalha Napuljun Bonaparti meta eżiljawh Elba.

 

Xi eżempji ta’ palindromi bil-Malti:
Bi 3 ittri: ĊUĊ, ARA, ILI, SUS, KOK, DUD
B’4 ittri: APPA, IDDI, ALLA, IŻŻI, ESSE
B’5 ittri: QAGĦAQ, TOROT, RADAR, KONOK
B’6 ittri: XEMMEX, QARRAQ, KOLLOK, PEJJEP
Bi 8 ittri: TQARRAQT, TNITTINT
B’10 ittri: INTAXXATNI

Jew, biex inqażżuha, sentenza sħiħa bħal:
QALET ILLI TELAQ
jew
SERAQ TUT QARES.
Inkella, lestu ruħkom:
INFARRAĠ ’IL-KOK LI ĠARRAFNI.
23 ittra. Min għandu ħila jsib palindromu itwal?

 

Hemm imbagħad kliem ieħor li jikseb tifsira differenti skont jekk taqrahx minn wara jew minn quddiem. Bħal f’mera. Dawn isejħulhom imordnilap (aqraha b’lura).

RAS tiġi SAR
SUF tiġi FUS
SINK tiġi KNIS
TARD tiġi DRAT
RAZZA tiġi AZZAR
INQAS tiġi SAQNI
ĦALEF tiġi FELAĦ
QARREB tiġi BERRAQ
ĊAPĊAP tiġi PAĊPAĊ
DAMDAM tiġi MADMAD.

Hemm anki xi ismijiet, bħal Leon li jiġi Noel. U, skont xi Maltin, Dnegel.

 

U din aqwa! Trevor Żahra għandu taqbila li tista’ taqraha minn fuq u minn isfel, u tibqa’ tagħmel sens.

ħajjitna
sabiħa
tilgħin
u
niżlin
nittajru
naqbżu
noqomsu
dejjem
ħadd
ma jista’
għalina
noħorġu
billejl
arana
ma nħallu
lil ħadd
bi kwietu
rieqed
mistrieħ
niġġerrew
ikollna
bilfors
nieklu
u
nixorbu
bl-istraw
ġo ħalqna
hekk
hi
il-ħajja
tan-nemus.

Issa aqraha minn isfel għal fuq.