Miss, Mrs. u Ms. bil-Malti 2018-02-25T17:20:30+00:00

Project Description

Qabelxejn, x’inhi d-differenza bejniethom?

Fl-Ingliż, it-titlu Miss jintuża għal mara mhix miżżewġa u Mrs. għal mara miżżewġa. Mill-banda l-oħra, Ms. ma jindikax l-istat ċivili tal-mara. Jaħdem bħat-titlu Mr. li jintuża għall-irġiel bla distinzjoni.
Ms. beda jintuża fil-50ijiet u qabad l-art għax ma joqgħodx jikxef jekk mara għandhiex ċurkett tat-tieġ jew le. Wara kollox, x’jinteressana?

 

 

Kif jiġu bil-Malti?

Bħalma nafu, għal Mr. nużaw Sur, li hi taqsira ta’ Sinjur, eż. is-Sur Ċikku Borg.
Sur tinbena bl-ewwel ittra u l-aħħar żewġ ittri ta’ Sinjur. Bħalha:
Sinjura tiġi Sra, eż. is-Sra Ċikka Borg, u
Sinjorina tiġi Sna, eż. is-Sna Ċikka Borg.

 

U Ms.?

Għal Ms. nużaw Sa, eż. is-Sa Ċikka Borg.
Sa hi taqsira li sa ftit tas-snin ilu kienet tintuża bħala titlu ta’ rispett. Mur saqsi lin-nanna jew intefa’ aqra xi rumanz daqsxejn antik. Barra minn hekk, hi forma komda għax taqbad l-ewwel ittra u l-aħħar ittra kemm ta’ Sinjura u kemm ta’ Sinjorina, u b’hekk taqdi l-istess funzjoni ta’ Ms.

Mhux ta’ b’xejn li din hi l-aktar forma li qed tintuża f’ittri, inviti, dokumenti uffiċjali, u x’naf jien.
Għax jekk Ċikka hix miżżewġa jew le, frankament, mhix biċċa tiegħek!
#kunbħalĊikka