Mnejn ġejjin l-ismijiet tax-xhur? Int u żżanżan il-kalendarju jew id-djarju fil-bidu tas-sena ġieli għaddietlek din il-mistoqsija minn rasek?
Iva? Ġietek tajba. Issa tista’ taqta’ l-kurżità. Le? Mela għandi riżoluzzjoni għalik (forsi jirnexxilek iżżomm waħda): skopri l-ġrajja wara l-ismijiet tax-xhur u tgħallem il-laqmijiet li bużnannietna kienu jagħtu lil kull wieħed mit-tnax-il xahar.

Jannar

Ismijiet oħra
ix-xahar tal-istrina, ix-xahar tal-qtates, ix-xahar tal-bard
Nisel
Mill-Isqalli jinnaru, marbut mat-Taljan gennaio, mill-alla Ruman Ġanu, bl-Ingliż Janus, l-għassies tal-bibien u l-gradi, u allura tal-bidu tas-sena. Lil Ġanu jpinġuh b’żewġ uċuħ, wiċċ iħares lura u l-ieħor iħares ‘il quddiem, sewwasew kif nagħmlu aħna fl-ewwel jiem tas-sena.
Kurżità
Min ikun dejjem moħħu biex jgħabbi jgħidulu qisek qattus ta’ Jannar.

Frar

Ismijiet oħra
ix-xahar ta’ San Pawl, ix-xahar tal-Karnival, ix-xahar tal-ġelbien (= germinator)
Nisel
Mill-Isqalli febbraru jew frivaru, forom imnissla mil-Latin februarius, minn februs, li jsaffi, jippurifika. F’Ruma, fil-15 tax-xahar kien isir festival biex ikeċċi l-ispirti l-ħżiena u jippurifika l-belt. It-tieni xahar ħa ismu mill-februa, l-istrumenti li kienu jużaw għat-tisfija tal-belt.
Kurżità
Meta jkun fih 29 jum, ikollna sena biżestili. Sena mhix biżestili ngħidulha sena komuni jew sena ordinarja.

Marzu

Ismijiet oħra
ix-xahar ta’ San Ġużepp, ix-xahar tal-Lunzjata, ix-xahar tar-raħs (= bud, sprout)
Nisel
Mill-Isqalli marzu, minn Marte, l-alla tal-gwerra. F’Ruma tal-qedem, f’dan il-perjodu kienu jsiru ħafna festivals f’ġieħ Marte bi tħejjija għall-istaġun tal-gwerer.
Kurżità
Xi Għawdxin minflok fitt daqs id-dubbien t’Għawdex jgħidu fitt daqs id-dubbien ta’ Marzu.

April

Ismijiet oħra
ix-xahar tan-nwar, ix-xahar ta’ San Girgor, ix-xahar tal-boloh, ix-xahar tal-Ġimgħa l-Kbira, ix-xahar tal-kaċċa
Nisel
Mill-Isqalli aprili jew mit-Taljan aprile, li fl-aħħar mill-aħħar ġejjin mil-Latin Aprilis. Dwar nisel din il-kelma ma nafux wisq aktar minn hekk. Skont xi wħud ġejja mill-verb aperire, jiġ. tiftaħ, għax fil-bidu tar-rebbiegħa l-fjuri jibdew jiftħu.
Kurżità
L-ewwel t’April ħafna jsibuha “il-ġifa”, kelma li kienet tfisser katavru jew karkassa (eż. jintnu seba’ ġwejjef) imma li nużawha l-aktar għal xi ħadd bla sinsla, jibża’ minn dellu (tkellem, tkunx ġifa!). Dari, il-Giovedì Grass, il-Ħamis ta’ qabel Ħadd il-Karnival, kien jissejjaħ il-ġifa, għax f’dan il-jum kien isir ċajt bħal tal-ewwel t’April.

Mejju

Ismijiet oħra
ix-xahar tal-ħsad, ix-xahar tal-Madonna, ix-xahar ta’ Pompej
Nisel
Mill-Isqalli maiu, marbut mal-alla mara Griega Maia, omm Ermes, il-messaġġier tal-allat. Ir-Rumani kellhom alla mara oħra li nzerta jisimha Maia wkoll, imma isimha ġej mill-kelma Latina maius li tfisser kbir, u kienet assoċjata mat-tkabbir u mar-rebbiegħa. Biż-żmien twaħħdu u minnhom ħareġ il-ħames xahar tas-sena.
Kurżità
Għal xi ħadd twil ħafna jgħidu twil daqs l-arblu ta’ Mejju. L-arblu ta’ Mejju hu l-maypole – le, mhux tal-ħobż – u tista’ taqra dwaru hawnhekk.

Ġunju

Ismijiet oħra
ix-xahar tad-dris, ix-xahar tal-ħġejjeġ jew ix-xahar ta’ San Ġwann, ix-xahar tal-Imnarja, ix-xahar tal-Qalb ta’ Ġesù
Nisel
Mill-Isqalli giugnu, minn isem l-alla mara Ġunone, bl-Ingliż Juno, il-mara ta’ Ġove, li kienet assoċjata maż-żwieġ u t-twelid.
Kurżità
Għandna bosta qwiel dwar Ġunju. Insemmu tnejn minnhom. Ġunju għall-għomma manju, fis-sodda jagħtina banju, jiġ. f’Ġunju tant ikollna għomma, sħana kbira, li fis-sodda nsiru għarqana xraba. Ġunju marbut ukoll mal-ħsad u d-dris u man-nemus. Għalhekk ngħidu: Ġunju xahar tad-dris u fis-sodda tħoss il-qris. U vera!

Lulju

Ismijiet oħra
ix-xahar tal-għomma, ix-xahar tal-Karmnu, ix-xahar ta’ Santa Margerita
Nisel
Mit-Taljan luglio u ġej minn Ġulju Ċesri li twieled f’dan ix-xahar. Qabel ma semmewh għal Ċesri, kien magħruf bl-isem Quintilis, il-ħames wieħed. Imma Lulju s-seba’ xahar tas-sena! Jekk trid tkun taf għala Lulju kien il-ħames xahar, ara n-nota ta’ Settembru u Ottubru.
Kurżità
Dari, Lulju kien jismu Ġunjett, mill-Isqalli giugnettu. Il-kelma għadha tintuża fil-qawl Ġunju Ġunjett ineħħi l-qmis u d-dublett, għax f’dawn ix-xahrejn it-temperatura titla’ ġmielha.

Awwissu

Ismijiet oħra
ix-xahar tal-frott, ix-xahar ta’ Santa Marija, ix-xahar ta’ San Lawrenz
Nisel
Ġej mill-Għarbi tat-Tuneżija ‘awussu jew mill-Isqalli austu, u hu msemmi għal Awgustu, l-ewwel Imperatur Ruman. Ismu proprja kien Gaius Octavius Thurinus, imma meta laħaq imperatur tawh isem ġdid mill-kelma Latina augustus, jiġ. konsagrat, venerabbli. Qabel ma semmewh għalih, dan ix-xahar kien magħruf bl-isem Sextilis, is-sitt wieħed.
Kurżità
De Soldanis, fid-Damma, dizzjunarju ta’ 250 sena ilu, dan ix-xahar jagħtih bħala Awsaħħ, forma li ntilfet.

Settembru

Ismijiet oħra
ix-xahar tal-Vitorja, ix-xahar tal-Grazzja, ix-xahar tas-Salib
Nisel
Ġej mit-Taljan settembre, mill-kelma Latina septem, sebgħa. Ħeqq, wara l-Quinitlis u s-Sextilis jiġi s-September. In-numri tħawdu daqsxejn għax il-kalendarju Ruman tal-qedem kien maqsum f’għaxar xhur. Kien jibda f’Marzu, mar-rebbiegħa, u b’hekk Settembru kien is-seba’ xahar.
Kurżità
Minn Settembru noħorġu d-diminuttiv settembrina li hu isem ta’ pjanta (Gypsophila paniculata) u ta’ frotta li tilħaq f’Settembru. Il-kelma tidher ukoll fil-qawl: Settembru Settembrina, jibdlilna s-sala mal-kantina, li Ġorġ Mifsud Chircop ifissru hekk: “F’Settembru tant ikun riħ isfel li n-nies fl-antik kienu jippreferu jinżlu għall-frisk tal-kantina”.

Ottubru

Ismijiet oħra
ix-xahar tar-rużarju, ix-xahar tal-miżirgħa (= sowing)
Nisel
Kif tista’ tobsor, dan marbut man-numru tmienja. Ġej mit-Taljan ottobre, mil-Latin octo, tmienja. Madwar is-713 QK żiedu xahrejn fi tmiem is-sena kalendarja, u fil-153 QK Jannar għamluh l-ewwel xahar. Imma l-ismijiet baqgħu skont in-numerazzjoni l-antika. U ġejna ottu!
Kurżità
Skont il-qawl, Ottubru jidħol u joħroġ fit-tubru. It-tubru huwa xorta ta’ tebut li kien jintuża fil-quddiesa tal-mejtin. B’hekk, il-qawl aktarx jirreferi għad-dlam li jkollna f’Ottubru meta l-ġurnata tiqsar u jibda jidlam kmieni ħafna.

Novembru

Ismijiet oħra
ix-xahar tal-erwieħ, ix-xahar tal-imwiet/tal-mejtin, ix-xahar tal-qaddisin kollha, ix-xahar ta’ San Martin
Nisel
U wara t-tmienja jiġi d-disgħa, bil-Latin novem. Marbutin ma’ dan in-numru għandna kliem ieħor fil-Malti bħal novi li jintuża fit-tombla u n-novena tal-Milied, id-disat ijiem devozzjoni.
Kurżità
F’De Soldanis isem dan ix-xahar hu imber. Għall-qasir.

Diċembru

Ismijiet oħra
ix-xahar tal-Milied, ix-xahar tal-Kunċizzjoni
Nisel
Etimoloġikament, l-aħħar xahar jiġi l-għaxar wieħed, mil-Latin decem, għaxra, bħalma jixhdu l-forom dieċmi (eż. ħallas id-dieċmi jew l-għexur), deċimali (eż. fl-1972 qlibna għas-sistema deċimali li neħħiet ix-xelini u s-soldi u daħħlet minflokhom iċ-ċenteżmi u l-milleżmi), deċennju (eż. dan id-deċennju ġab bidla kulturali radikali), u l-bqija.
Kurżità
F’dizzjunarji qodma, bħal ta’ De Soldanis u Vassalli, insibu ċimber, verżjoni mqassra ta’ isem l-aħħar xahar tas-sena.