Xi tfisser?

Din l-idjoma nużawha għal xi ħadd li qatt ma konna ħbieb tal-qalb miegħu. Qisna nkunu qed ngħidu:
Lil dak min jafu?
Dak mhux ta’ ġewwa.
Qatt ma konna ħaġa waħda
.

Imma l-kirxa xi tkun?

Il-kirxa hi laħam u qoxra mill-istonku tal-barri u ta’ xi annimali oħrajn li tittiekel. Tissajjar b’ħafna modi: moqlija, stuffat, fil-forn… Għalhekk meta xi ħadd jiekol kemm jiflaħ, jgħid Imlejtha l-kirxa! Għax ikun mela l-istonku waħda sew.

X’rabta hemm bejn l-istonku tal-barri u l-ħbieb tal-qalb?

Biex issajjar il-kirxa, trid ħafna xogħol. L-ewwel trid taħsilha sew, imbagħad tgħalliha għal xi sagħtejn fl-ilma bil-melħ, u wara tibda ssajjarha bil-mod. Dan ifisser li meta tistieden lil xi ħadd biex jiekol il-kirxa miegħek, bilfors li jkun ħabib sew tiegħek, la tkun ħadt dan l-intrigu kollu biex tlestilu l-kirxa.

Iżda mhux kulħadd jaqbel ma’ din l-interpretazzjoni. Hemm min jgħid li din l-idjoma ġejja mill-fatt li l-kixra hi ikla li aħna l-Maltin ma nsajruhiex lill-mistednin imma nikluha bejn tal-familja. Huwa għalhekk li jekk qatt ma tkun kilt il-kirxa ma’ xi ħadd, dak ix-xi ħadd ma jkunx ta’ ġewwa.