In-numru sebgħa jissemma ħafna fil-kultura tagħna. Il-ġimgħa fiha sebat ijiem u l-qawsalla sebat ilwien. Hemm is-seba’ kontinenti u s-seba’ ibħra tal-letteratura Medjevali. Is-seba’ noti mużikali u s-seba’ għeġubijiet tad-dinja tal-qedem. Għandna l-ħrafa ta’ Snow White u s-seba’ nani u l-ħrafa lokali tas-seba’ tronġiet mewwija. Fir-reliġjon nitkellmu fuq is-seba’ sagramenti, is-seba’ doni tal-Ispirtu s-Santu u s-sebat irjus tad-dnubiet il-mejta. Fi żmien ir-Randan nagħmlu s-seba’ visti u s-sawma tas-seba’ bukkuni li jirrappreżentaw is-seba’ stalletti tad-Duluri.

 

In-numru s-sebgħa nsibuh ukoll f’ħafna idjomi u espressjonijiet. Għandu seba’ mitt sena ngħidu għal min ikun fuq ix-xwiek u ma jiflaħx jistenna aktar. Jinten seba’ pesti għal min ikun ilu ma jinħasel u jkollu riħa tinten taqsam fuqu. Trid seba’ għajnejn biex tħares lejh ngħidu għal min tant ikun sabiħ li par għajnejn ma jkunux biżżejjed biex tiflih sew. Għal xi ħadd qasir u mbaċċaċ, ngħidu donnu seba’ soldi fuq xulxin. U għal xi ħadd għadma u ġilda, ngħidu qisu s-seba’ snin tal-għaks. Terġa’ u tgħid, meta naraw tnejn, wieħed magħlub ħafna u l-ieħor oħxon ferm, ngħidu donnhom is-seba’ snin tal-għaks u s-seba’ snin tal-abbundanza.

 

Jekk trid li ma jaħrablek xejn, ikollok toqgħod b’seba’ għajnejn. Jekk titkellem b’leħen għoli, aktarx nisimgħek tgħajjat minn seba’ mili bogħod. U jekk teħlisha għal darba tnejn minn ħalq il-mewt, ikolli ngħid li għandek sebat erwieħ, bħall-qtates. Lil dak li jkun b’kelma jew b’ġest żgħir taf ittellgħu fis-seba’ sema. Imma jekk xi ħadd tikbirlu rasu, ngħidu mingħalih laħaq is-seba’ sema. U jekk idejjaqna u jxebbagħna sal-ponta ta’ mneħirna, ħeqq, nibagħtuh jieħdu seba’ snin fejn ma jarax xemx. Min ikollu ħafna kwalitajiet sbieħ, ngħidu għandu s-seba’ doni. Imma din l-idjoma ngħiduha wkoll b’mod ironiku għal min ikun batut u msallab. Għal min ikollu ġuħ kbir, ngħidu għandu ġuħ ta’ seba’ sefturi. U għal min ikun mitluf fl-isbaħ raqda, ngħidu għaddej bis-seba’ mija. Imbagħad, għal min iqum kmieni ħafna, ngħidu ilu mqajjem mis-seba’ mattinati jew mis-sette mattinati.

 

In-numru sebgħa spiss nużawh biex infissru ripetizzjoni u biex nisħqu fuq xi punt. Għidtlu seba’ mitt elf darba biex ma jagħmilx hekk, imma kollu ta’ xejn. Iċċassat daqs sebat elef ngħidu għal min ikun skantat, moħħu fis-sħab, iċċassat bil-beraq. Hemm min hu mqareb daqs seba’ mija u hemm min hu injorant daqs seba’ mija. Meta xi ħaġa taħsadna għax ma konniex nistennewha, ngħidu lanqas f’seba’ mitt sena ma bsart li jiġri hekk.

 

Għandna wkoll xi qwiel li fihom jissemma n-numru sebgħa. Xi wħud marbutin mat-temp, bħal dan, Nhar San Pawl it-temp ibiddel seba’ darbiet. Jingħad li fil-25 ta’ Jannar, il-festa ta’ meta San Pawl ikkonverta, it-temp jinbidel kemm-il darba. Ieħor marbut mat-temp qiegħed hekk, Jekk il-qamar ta’ Settembru jimla bix-Xlokk, jagħmel ix-Xlokk seba’ xhur fis-sena. Il-bdiewa u s-sajjieda kienu jemmnu li jekk f’Settembru l-qamar jimla u jkun riħ mix-Xlokk, ir-riħ jibqa’ Xlokk għas-seba’ xhur ta’ wara.


Hemm qwiel oħrajn li jtuna twissija, bħal dan, Bejjiegħ b’għajn waħda, xerrej b’seba’ għajnejn. Iwissina biex noqogħdu attenti għal xi difett meta mmorru nixtru. Qawl ieħor jgħidilna, It-tajjeb jidneb seba’ darbiet. Ifakkarna li fid-dinja kulħadd jiżbalja, anke t-tajjeb. U mbagħad insibu xi qwiel marbutin ma’ superstizzjoni, bħal dan, Meta jmut qassis jiġbed sebgħa. Kienu jemmnu li l-mewta ta’ qassis kienet iġġib il-mewt ta’ qassisin oħra. Qawl superstizzjuż ieħor jgħid, Min jaqla’ laqam għandu seba’ snin purgatorju. Mela, mil-lum ’l hemm aħsibha darbtejn, anzi seba’ darbiet qabel ma taqla’ laqam lil xi ħadd.