Fuq fomm l-Għawdxin hemm kliem li Malta ma jingħadx bħal trampibankunċini u oħrajn. Hemm imbagħad kliem li jingħad fiż-żewġ gżejjer, iżda b’tifsira differenti. Li ġejjin huma ħames kelmiet li fil-gżira tat-tliet għoljiet għandhom sens ieħor.

gejxa

Malta

Libsa ħafifa ta’ ġewwa li n-nisa jilbsuha meta joqogħdu d-dar jew meta jkunu lebsin pulit u jkunu jridu jnaddfu jew jaħslu xi ħaġa biex ma jiċċappsux
In-nanna tħobb toqgħod bil-gejxa

Għawdex

Band tax-xagħar li tintlibes biex iżżejjen ix-xagħar jew biex ix-xagħar ma jiġix fuq il-wiċċ
Qed jilgħab mat-tifla tal-gejxa roża

brown cathedral

ażżmu

Malta

Tintuża għall-ħobż bla ħmira, ħobż ażżmu, u għal min ikun aħrax, żorr, imqit
Dak bniedem ażżmu, jimbuttak

Għawdex

Min ikun xortih tajba, fortunat, l-aktar min jagħmel xi ħaġa bl-addoċċ u jġibha żewġ
Kemm hu ażżmu tefgħu ħażin u skorja
Hemm anki l-verb, ażżma, għal min tiġih tajba minkejja kollox
Konna tard u xorta lħaqnieh il-vapur; ażżmajnieha llum

brown rock formation near body of water during daytime

ifendi

Malta

Dan il-verb għandu ħafna tifsiriet. Tlieta mill-aktar komuni:
1. Titkellem, tgħid tiegħek
Ilek tpaċpaċ, ħallini nfendi waħda
2. Tkampa waħdek, taħseb għal rasek
Irid jitgħallem ifendi għal rasu
3. Tiekol kemm tiflaħ, tiffanga
Aqliblu l-ikel u erħilu jfendi 
 

Għawdex

Żiffa, kurrent ta’ arja friska f’kamra jew fi spazju magħluq
Iftaħ it-tieqa tal-gallarija ħalli jfendi
Xi wħud jgħidu jinvesti f’dan is-sens, riħ jinvesti

kuda

Malta

Il-mant twil tal-libsa tal-għarusa
Iċ-Ċina għamlu libsa tat-tieġ b’kuda twila kważi tliet mili 

Għawdex

Qagħqa tax-xagħar; meta tiġbru toppu u ddawru qagħqa tond fuq rasek
Kif qed insemmu x-xagħar, kont taf li Għawdex flok naqta’ xagħri u naħsel xagħri jgħidu naqta’ x-xagħar u naħsel ix-xagħar?

green grass field and green trees

ċombin

Malta

Injama żgħira li magħha tinżamm il-ħjata li biha tinħadem il-bizzilla; maqbad biex tinħadem il-bizzilla li jservi wkoll ta’ piż għall-ħjata biex tinżamm stirata
Dari ċ-ċombini ġieli kienu jkunu tal-għadam u saħansitra tal-ħġieġ

Għawdex

Apparti għodda għall-ħjata tal-bizzilla, Għawdex tfisser ukoll labra tal-inxir
Fl-antik il-labar tal-inxir kienu jkunu qishom ċombini, u f’xi rħula Maltin, bħal Ħal Safi, hekk kienu jsibuhom ukoll
Kelma Għawdxija mill-qasam tal-inxir hi perċa, il-ħabel tal-inxir, għax meta tonxor il-ħwejjeġ, tperriċhom tkun qiegħed. U s-Siġġiewi, Għawdex ta’ Malta, jonxru fil-manxar jew fil-manxra

white rock formation on sea under blue sky during daytime

Taf xi kelma oħra li meta taqsam il-fliegu tibdel is-sens?