5 ħrejjef dwar il-Malti 2018-03-14T07:21:18+00:00

Project Description

Wasal iż-żmien li xi ħadd ixejjen dawn il-miti komuni dwar il-Malti. Tlaqna.

Il-Malti lingwa żgħira
Ħrafa

Il-Malti lingwa ta’ komunità żgħira. Mhux il-Malti li hu żgħir, imma n-numru ta’ kelliema tal-Malti. Biex ngħidu kollox, l-għadd ta’ kelliema tal-Malti mhux xi żgħir żgħir. Huwa minnu li l-Malti ma jitkellmuhx il-miljuni, però skont l-Ethnologue, il-Malti jitkellmuh aktar minn nofs miljun ruħ. Ħafna minnhom jgħixu Malta, oħrajn l-Awstralja, il-Kanada, l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Belġju, il-Lussemburgu, u l-bqija. Fl-istorja twila tiegħu l-Malti qatt ma kien użat minn daqstant nies f’waqt wieħed.

U ħaġ’oħra. Imbilli l-Malti lsien ta’ komunità żgħira ma jfissirx li hu lsien minoritarju (minority language). Xejn minn dan. Il-maġġoranza tal-popolazzjoni tal-gżejjer Maltin titkellem bil-Malti. Skont l-aħħar ċensiment, 93.2% tan-nies (ta’ 10 snin jew aktar) jitkellmu bil-Malti. Mhux ta’ b’xejn li l-Malti l-ilsien nazzjonali ta’ Malta u wieħed mill-ilsna uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-Malti x’tambih? Malta biss tużah
Ħrafa

Mela nsejt meta tkun barra u tkun trid li ma jifhmek ħadd? Hemm tużah il-Malti, hux? Apparti l-vantaġġ tal-Malti bħala kodiċi sigriet, hemm ieħor. Li titgħallem lingwa qatt mhu ħela. Aktar u aktar jekk dik il-lingwa tkun l-ilsien nazzjonali tal-pajjiż fejn tgħix u l-aktar lingwa mitkellma fih.

Skont stħarriġ li sar fl-2013, 76.4% tal-parteċipanti d-dar jitkellmu bil-Malti, 16.7% jitkellmu bil-Malti u bl-Ingliż, u 5.1% jitkellmu bl-Ingliż. Fi kliem ieħor, għal iktar minn tliet kwarti tal-Maltin, il-Malti hu l-ewwel lingwa, il-lingwa li biha jħossuhom l-aktar komdi jiċċaċċraw ma’ sħabhom, jilletikaw ma’ tal-familja, jgħidu kelma mal-ġirien, jitħaddtu mal-kollegi, jiftħu qalbhom ma’ tabib, ifissru ruħhom sew mal-perit li jfasslilhom id-dar, mal-avukat li jiddefendihom, mal-bankier li jgħinhom jinvestu flushom, mal-infermier li jdur bihom, u ma’ kull min iħabbtu wiċċhom.

 

Imma l-Università kollox bl-Ingliż
Ħrafa

Li l-Ingliż lingwa essenzjali għall-iżvilupp akkademiku ma jiċħdu ħadd. Iżda ma jfissirx li l-Malti mhux importanti. Altru minn hekk. F’bosta korsijiet l-istudenti jkollhom sessjonijiet twal ta’ prattika fil-komunità, u matulhom il-komunikazzjoni ħafna drabi bil-Malti ssir. Barra minn hekk, l-edukazzjoni f’livell universitarju ma tħejjix lill-istudenti għat-tliet snin tal-kors u daqshekk. Tippreparahom għal ħajjithom lil hinn minn Tal-Qroqq. Fil-kuntest lokali, importanti li tkun taf tħaddem il-Malti sew meta tindirizza lill-klijenti, lill-pazjenti, lill-istudenti u l-ġenituri tagħhom, u lil dawk kollha li tagħmilha magħhom bl-ilsien li jippreferu. Għax l-ilsien jgħaqqadna daqskemm jifridna.  

 

It-tfal inkellimhom bl-Ingliż biss. Jekk jitgħallmu l-Malti wkoll jitħawdu msieken
Ħrafa

Mhux talli ma jitħawdux, talli tfal bilingwi jew multilingwi jkollhom flessibilità konjittiva. Fi kliem ieħor, min jitgħallem aktar minn lingwa waħda, apparti li jkun jista’ jikkomunika ma’ firxa usa’ ta’ nies, ikollu ħiliet mentali oħrajn, mhux bilfors marbutin mal-lingwa, bħal li jsolvi l-problemi u jaħseb b’mod kritiku. Fid-dawl tal-ħafna benefiċċji tal-bilingwiżmu, l-Unjoni Ewropea – li hi msejsa fuq il-motto tal-unità fid-diversità – tippromwovi l-politika lingwistika li kull ċittadin Ewropew, barra lsien twelidu, għandu jkun jaf mill-inqas żewġ lingwi oħra.

Il-ħelwa hi li fl-Ewropa min jaf lingwa waħda qed iħeġġuh jitgħallem tnejn oħra, u hawn Malta xi ġenituri lil uliedhom jagħżlu li jtellgħuhom b’lingwa waħda biss, anki jekk huma jkunu jafu żewġ lingwi, u ġieli aktar minn tnejn. Iċaħħduhom mill-ġmiel u l-vantaġġi ta’ lingwa oħra. Iġibuhom ifqar minnhom. Jien nieqaf hawn, imma araw il-parir ta’ din l-omm li lil uliedha kienet tkellimhom bl-Ingliż: Want the best for your kids? Teach them Maltese.

 

Il-Malti daqt jispiċċa
Ħrafa

F’elf sena ta’ storja, il-Malti qatt ma tkellmuh u kitbuh nies daqs illum. Kull sena joħorġu xi 600 ktieb bil-Malti. Brussell u l-Lussemburgu hemm madwar 240 ruħ, l-aktar tradutturi u interpreti, li kull sena jaqilbu daqs 200,000 paġna għall-Malti. Bit-traduzzjonijiet tagħhom il-vokabolarju tal-Malti jkompli jikber għax qed iħaddmuh f’oqsma li m’aħniex imdorrijin nitħaddtu dwarhom bil-Malti, bħall-kimika, l-astrofiżika u n-nanoteknoloġija.

U l-Malti qatt ma studjawh nies daqs illum, sew Maltin u sew barranin. Biss biss, bħalissa fid-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta hemm kważi 500 ruħ jistudjaw il-Malti. 185 minnhom barranin. U l-Malti jistudjawh lil hinn minn xtutna wkoll. Ngħidu aħna, Londra dawn l-aħħar sentejn studjawh madwar 80 ruħ. Bremen, il-Ġermanja, hemm iċ-Ċentru tal-Ilsien Malti, li kull sena jagħti korsijiet tal-Malti lil studenti minn madwar id-dinja, u kull sentejn jorganizza konferenza dwar il-lingwistika tal-Malti li fiha jieħdu sehem bosta studjużi Maltin u barranin. Għax l-interess fil-Malti kulma jmur qed jiżdied.

Facebook Comments