Fl-ewwel sena tal-għoxrinijiet ħlief fuq il-COVID-19 ma smajniex! Li ġejjin huma għaxar kelmiet li ftit jew wisq ħallew marka fuqna fit-tnax-il xahar li għaddew.

imxija

Din kelma qadima, imma din is-sena spiċċat fuq fomm kulħadd. Tfisser passa, marda li tittieħed minn bosta nies, li timxi minn persuna għall-oħra; fi kliem ieħor, epidemija jew, jekk tinfirex wisq, pandemija. F’xi rħula, bħar-Rabat ta’ Malta, tintuża għall-influwenza. Mal-ewwel għatis u tqaħqiħ tismagħhom jgħidu, “Hawn l-imxija”. 

Free stock photo of antiseptic, corona, corona mask

kwarantina

Ġejja mit-Taljan quarantena jew quarantina, erbgħin jum, iż-żmien li x-xwieni kienu jinżammu maqtugħin għalihom biex ma jinfirixx mard jittieħed. Maż-żmien it-tifsira nbidlet u saret tfisser perjodu, twil kemm ikun twil, ta’ iżolament (mhux iżolazzjoni, kif tħobb tgħid il-Profs, ħqħm). 

People Wearing DIY Masks

vaċċin

Bil-Malti għandna żewġ kelmiet: tilqima mill-Għarbi u vaċċin mit-Taljan vaccino, li ħadha mil-Latin vacca, baqra, għax it-tabib Ingliż Edward Jenner fl-1796 beda jlaqqam lin-nies b’dożi żgħar ta’ mard tal-baqar biex ifejjaqhom. Għalhekk il-baqra tinbiegħ kollha!

person in blue knit cap holding clear glass tube

maskra

Kemm qanqlet diskussjoni din l-imbierka kelma! Min jargumenta li bir-r għax ġejja minn maschera u min iridha bil-l għax hekk jgħidha u hekk jisma’ lil ta’ madwaru jlissnuha. Huwa minnu li bdiet bir-r, u li minnha noħorġu l-kelma maskarat, bir-r ukoll. Iżda nisel il-kelma mhux bilfors jiddetta l-kitba u t-tlissin tal-lum. Ngħidu aħna, il-kelma stmerrija fl-Għarbi kienet bil-l, kif ilissnuha xi wħud, stmellija. U l-kelma tamal (dates) bil-kontra: fl-Għarbi kienet bir-r, tamar. Qabel ma taqbżilna xi vina bit-tbaqbiq aħjar nżommu f’moħħna li l-l u r-r, ta’ konsonanti likwidi li huma, meta jiftlilhom jieħdu post xulxin. Biżżejjed insemmu varjanti bħal friskatur u fliskatur, buri u buli, skarpell u skalpell. Hu x’inhu, għidha kif trid, basta tilbisha. U għatti mnieħrek!

Couple Wearing Face Mask Drinking Milkshake

tiswobbja

Min jaf xi tberraq għajnejk int u taqraha! U ma nlumekx. Aktarx l-ewwel darba li qed taraha iswed fuq l-abjad. Għax fil-kitba ma tantx tintuża. Imma, jekk irridu nkunu onesti magħna nfusna, l-ewwel sena tad-deċennju mal-virus ġabitilna dan il-verb, li għall-infermiera jfisser iddaħħal stikka ħelu ħelu fl-imnifsejn, u għalina jfisser li xi ħadd jgħawwar u jħammel fi mneħirna sa ma jċaqalqilna l-ġelatina ta’ moħħna.       

woman in yellow long sleeve shirt wearing black framed eyeglasses

pożittiv

Bħal daż-żmien sena konna nassoċjawha ma’ xi moviment politiku li jistedinna nħarsu lejn il-ħajja b’ottimiżmu liema bħalu. Biċ-ċajt iċ-ċajt saret l-aktar kelma negattiva tas-sena! 

girl in green and white crew neck t-shirt

koronut

L-2020 ġabet magħha xi kliem tad-daħk. L-Ingliż tana covidiot, u l-Malti koronut, min jiġi għala biebu, jibqa’ joħroġ u jitħallat man-nies u jkompli jxerred il-virus. “Ja koronut l’hu reġa’ ħareġ!”.

selective focus photography of grumpy face toddler sitting on plaid pad taken during daytime

vempila

Qattajna ħafna iktar ħin id-dar mis-soltu, u bosta attivitajiet għamilniehom virtwalment. Allura kellna bżonn kliem ġdid, li jirrifletti din ir-realtà, bħal teleskola u telexogħol, u xi verb li ’l xi nies iqajmilhom ġisimhom xewk xewk, bħal tiżżumja, tagħmel laqgħa biż-Zoom. Għax tiskajpja laħaq qdiem. U jien, b’nofs ċajta, komplejt magħhom u żellaqt vempila, ċempila bil-filmat, vidjotelefonata. “Nista’ ntik vempila?” jew “Illejla vempilli waħda, bro!”

Photo of Child Sitting by the Table While Looking at the Imac

kemm sabu?

Mhix kelma, veru. Imma m’hemm l-ebda dubju li l-mistoqsija ewlenija tal-2020 kienet “Kemm sabu llum?”, segwita minn “Kemm mietu?”. X’ċuċ hi t-tiritombla!

ball with number lot

xumm pumm

Sas-sena l-oħra ma kellniex għajr ċumm bumm jew ċumm pumm għal ħaġa li tiġri ħabta u sabta, għal għarrieda, ħin bla waqt. “Kellu jirriżenja, hekk, ċumm bumm”. Fit-tieni nofs tas-sena żdiedet ix-xumm pumm. U mnalla, għax il-logħob tan-nar u l-festi did-darba xejn ma gawdejniehom!

fireworks illustration