Espressjonijiet sbieħ bil-kelma demm għandna kemm trid. Ħafna minnhom jiddeskrivu l-karattru ta’ xi ħadd b’tant preċiżjoni. Xi wħud jesprimu emozzjoni qawwija, speċjalment ir-rabja. U oħrajn jitkellmu fuq ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna.
Bi sħab mas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm, ġbarna dawn l-għaxar idjomi magħrufin sew. Tinsiex, it-talba hi ta’ madwar 50 borża demm kuljum. Agħti d-demm. Agħti t-tama.

1. id-demm jiġbed

Dawk li jiġu minn xulxin f’xi ħaġa joħorġu jixxiebhu żgur.
Tiskanta, ġieli jkollhom l-istess karattru, bid-difetti b’kollox.

2. demmu spont

Min malajr jitilgħulu n-nervi.
Ma tridx wisq biex jitlef it-tempra, taqbiżlu ċ-ċinga u jitlef l-erre.

3. demmu biered

Xi ħadd li jieħu kollox bil-kalma.
Ma jitmasħanx kif ġieb u laħaq, u b’xejn ma jitbaqbaq.

4. ħadu fuq demm id-dars

Ma ħax grazzja miegħu, rah ikrah, rah antipatku, stkerrhu, ma għoġbux.

5. għereq l-għaraq tad-demm

Tħabat u bata ħafna. Ħa kedda papali.
Ra l-passjoni biex għamel dak li għamel.

6. xoroblu demmu

Ħadlu ħafna flus. Redagħlu flusu, bħal sangisug.
Għakksu u ħaqru kemm felaħ.

7. għamillu demmu ilma

Baqbqu, inkwetah, irrabjah, infoskah, keddu, qabbiżhielu.
Inkazzah bil-kbir, ġabu żibel, kisirlu d-devozzjoni, ġagħlu jidgħi.

8. m’għandux demm miegħu

Bniedem li ma tantx jiġbdu, jimbuttah, ma jiggustahx.
Ma jissaportihx quddiemu, m’għandux grazzja miegħu.

9. bla demm

Min hu biered għalkollox, ma jħoss għal ħadd.
Jara kemm jara ħtieġa, ma jitqanqalx biex jagħti daqqa t’id.

10. demmu kesaħ

Ħa ħasda, qalbu għamlet tikk.
Ħa xi aħbar ħażina jew ra ħaġa li ħallietu mbikkem.

Taf xi espressjoni oħra bid-demm?